Esperjenza ta’ Trekking

Nhar il-Ħamis 3 t’April il-klassi tas-sitt sena morna għal Trekking mill-Qrendi saż-Żurrieq, organizzata mill-Kunsill Malti għall-Isport.  Wasalna ż-Żurrieq għal ħabta tad-disgħa fejn il-grawnd tal-futbol taż-Żurrieq.  Hemmhekk kien hemm żewġ rappreżentati mill-Kunsill Malti għall-isport fejn flimkien magħhom bdejna l-mixja tagħna lejn il-Qrendi, li damet madwar sagħtejn u nofs.  Fil-bidu tal-mixja tagħna qalb il-kampanja, mixja mill-mogħdijiet tal-kampanja tal-Qrendi, rajna l-kappella ta’ Ħal Millieri.  Waqt il-mixja smajna diversi ħsejjes ta’ annimali u rajna ħafna tipi differenti ta’ siġar u pjanti.  Hawnhekk kulħadd induna bl-arja friska u nadifa li nsibu f’dawn l-inħawi.  Fi triqtna lejn il-Kapella tal-Ħniena rajna ukoll xi barrieri.  Kif wasalna quddiem il-Kapella waqfna għal xi ftit minuti brejk fejn stajna nistrieħu u nieklu xi ħaġa tajba li niżlet għasel f’dak il-kwiet li ssib f’dawn l-inħawi.

Minn hemm irħejnielha lejn il-kappella ta’ San Mattew magħrufa ukoll bħala Il-Maqluba.  Hawnhekk ħtafna l-okkażjoni biex nieħdu ritratt ilkoll flimkien bħala tifkira ta’ din il-mixja.  Kif konna hemmhekk inżilna bil-galbu fit-toqba Il-Maqluba li hi mimlija siġar.   Hawnhekk l-għalliema tal-KMS spegawlna li din it-toqba ffurmat minħabba l-ilmijiet tax-xita li kielu il-blat.  Irrakuntawlna ukoll leġġenda ħelwa dwar dan il-post.

L-aħħar parti tal-mixja tagħna, li damet  madwar siegħa, ħaditna sa Wied iż-Żurrieq, fejn hemmhekk konna kuntenti li lestejna lkoll flimkien u b’imġieba tajba din il-mixja tagħna.  Kif wasalna rajna il-ħnejja tal-Blue Grotto u gawdejna għal ftit minuti s-sbuħija ta’ dan il-post.  Fl-aħħarnett kif wasalna fejn il-baħar ħadna brejk, kilna u xrobna.

Għall-ħabta tal-kwarta tlaqna lura lejn l-iskola, għajenin, imma kuntenti għax kienet ħarġa li urietna l-ġmiel tal-kampanja Maltija.

0 Response to “Esperjenza ta’ Trekking”


  • No Comments

Leave a Reply