Daily Archive for April 15th, 2015

Il-Futsal – esperjenza li nkunu qed nistennew kull sena

Għal din is-sena erġajna ħadna sehem fil-logħob tal-futsal. Ilkoll konna ppreparati sew u l-entużjażmu ta’ bejnietna ma naqasx ukoll. L-ewwel partiti jkunu bejn l-iskejjel tal-kulleġġ. Nistgħu ngħidu li pparteċipaw kważi l-iskejjel kollha tal-kulleġġ San Ġorġ Preca. L-istudenti tal-ħames u tas-sitt sena jieħdu sehem f’dan it-turnament. L-għalliema tal-P.E. tgħinna sabiex nilagħbu b’mod ġust u kif mistħoqq.

Wara din l-esperjenza, jintgħażlu xi tfal mill-ħames u mis-sitt sena sabiex jikkompetu kontra l-Kulleġġi kollha ta’ Malta. L-għalliema tal-P.E. għażlet xi studenti sabiex jingħaqdu mat-tim tal-Kulleġġ San Ġorġ Preca. Għal din il-ġurnata lbisna l-istess futbol kit sabiex inkunu kollha l-istess. L-ispirtu pożittiv li kien jinħass fil-grupp tagħna wassalna sabiex nerbħu l-medalja tal-Fair Play. Tgħidx kemm konna ferħanin! Apparti minn hekk irnexxielna niksbu riżultati tajbin ħafna waqt il-logħob.

Dawn il-ġranet ikunu mill-isbaħ għalina l-istudenti li nħobbu l-futbol. Inżommu lilna nfusna f’saħħitna waqt li nieħdu gost nilagħbu f’tim magħqud bi spirtu pożittiv!

Miktuba mit-tim tal-futbol tal-iskola tal-Furjana

Il-Kulleġġ San Ġorġ Preca – Premju Fair Play It-Tim tal-Kulleġġ San Ġorġ Preca It-Tim tal-Kulleġġ jifraħ bil-premju mogħti
L-għalliema tal-Primarja tal-Furjana jagħtu
s-sapport lit-tim tal-Kulleġġ San Ġorġ Preca