Daily Archive for April 23rd, 2015

Ġurnata l-Manikata

X’ġurnata ħargitilna għall-ħarġa tat-tfal lejn il-Manikata!

Aħna u sejrin it-tfal kienu eċitati u bdew josservaw kull ma kien hemm fit-triq mill-Furjana sa ma waslu l-Manikata.

Hemmhekk ġejna milqugħa minn Veronica u l-kelb Bo.

Imxejna lejn ir-razzett u waqafna naraw il-fjuri differenti b’kuluri ta’ kull lewn. L-aktar komuni kienu l-papoċċi, il-lellux u l-peprin ħomor u vjola. Imxejna ftit ieħor u xi tfal raw żrinġ jaqbeż quddiemhom. Bqajna mexjin u morna nitimgħu it-tiġieġ u anke sibna l-bajd li kienu għadhom kif biedu.

Tmajna ukoll lill-papri u lin-nagħaġ.  Imxejn ftit aktar u morna ġo razzett ieħor. Ħemmhekk, rajna lil Ġorġ il-ħmar u familja ta’ mogħoż.

Qabadna l-ġuħ u poġġejna fuq bankijiet apposta taħt is-siġar fejn it-tfal kielu ħobż frisk tal-malti bil-kunserva u frawli li kien għadu kif gie maqtugħ mill-għelieqi tal-madwar.

Kien fadal ftit ħin biex immorru lura lejn ix-xarabank u għalhekk, it-tfal ġrew u lagħbu qalb il-fjuri u s-siġar. Ftit minnhom qabdu zkuk u qagħdu ‘jiktbu’ ġol ħamrija, ftit minnhom lagħbu ġod-dar fuq is-siġra.

Insomma, kienet ġurnata mill-isbaħ li t-tfal ma tantx ser jinsew malajr!

Agħfas fuq ir-ritratt t’hawn fuq sabiex tara aktar ritratti ta’ din il-ġurnata

Audrey Chetcuti
Għalliema tal-Kindergarten