L-Assedju l-Kbir ta’ Malta

Din is-sena jaħbat l-450 anniversarju mill-assedju l-Kbir ta’ Malta li kien seħħ fis-sena 1565.  L-Assedju kien battalja kbira bejn il-qawwa tal-flotta Torka kontra l-Kavallieri ta’ San Ġwann u l-Maltin.  It-Torok kienu riedu jieħdu lil Malta taħt idejhom iżda ma rnexxielhomx!  Malta kienet immexxija mill-Gran Mastru La Valette. F’dak iż-żmien f’Malta kien hawn ħames postijiet biss li kienu fortifikati. Dawn kienu:

  • Il-Forti Sant’Iermu – fit-tarf tal-Għolja Xebb ir-Ras
  • Il-Forti Sant’Anġlu – fil-ponta tal-Birgu
  • Il-Forti San Mikiel – in-naħa ta’ ġewwa tal-Isla
  • L-Imdina – li kienet il-belt kapitali
  • Iċ-Ċittadella – fil-qalba tal-gżira t’Għawdex

It-Torok kienu attakkaw l-ewwel lil Forti Sant’Iermu – iżda dan kien żball għax din il-fortizza tant kienet b’saħħitha li sakemm ħaduha huma tilfu ħafna suldati, ħafna armi, ħafna ikel u tilfu wkoll lill-mexxej tagħhom li kien jismu Dragut.  Imbagħad meta f’Settembru waslet l-għajnuna minn Sqallija,

it-Torok qatgħu qalbhom u ħarbu. Dak inhar kien it-8 ta’ Settembru u dik il-ġurnata bqajna nsejħulha l-Festa tal-Vittorja, jiġifieri l-festa tar-rebħa.

Quddiem il-bini tal-Qorti, fi triq ir-Repubblika hemm monument sabiħ, li kien ħadmu l-artist malti Antonio Sciortino, li jfakkar din ir-rebħa storika li kienu għamlu l-Maltin u l-Kavallieri.

Sabiex inqajmu għarfien fit-tfal tagħna dwar dan l-avveniment hekk importanti għal pajjiżna numru ta’ għalliema tul is-Sajf ħadmu bi sħih sabiex jittella l-Proġett: L-Assedju Jkellimna. Għaldaqstant dawn l-għalliema ma kienux preżenti fl-iskejjel tul ix-xahar t’Ottubru iżda laqgħu tfal tal-iskejjel primarji tal-ħames u s-sitt sena li flimkien mal-għalliema ħadu sehem f’attivitajiet varji madwar din it-tema.  L-iskola tagħna wkoll ħadet parti f’din l-attivita nhar it-Tnejn 19 t’Ottubru 2015.  Għal aktar informazzjoni segwi hawn.

1 Responses to “L-Assedju l-Kbir ta’ Malta”


  • It was a wonderful and meaningful experience to both our Year 5 and Year 6 students. They all enjoyed the educational outing, especially the Great Siege Exhibition.

Leave a Reply