Daily Archive for December 8th, 2015

Xrobb l-Għaġin u l-għeluq taċ-CHOGM 2015

Bħala parti mill-attivitajiet edukattivi taċ-CHOGM, l-aħħar attività kienet mawra sa Xrobb l-Għaġin. L-għalliema tagħna tal-EkoSkola Ms Brenda u Ms Maria, kienu bi ħġarhom li jieħduna l-aktar minħabba l-fatt li dan l-għeluq kienet ser tagħmlu l-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca. Għal uħud minna, il-membri tal-EkoSkola, din kienet ser tkun l-ewwel darba li niltaqgħu mal-President. Tajjeb li ngħidu wkoll li din kienet l-ewwel ħarġa għall-membri l-ġodda tal-Kumitat tal-EkoSkola!

Hekk kif wasalna Marsaxlokk, iltqajna mal-għalliema u d-delegati kollha tal-EkoSkola fosthom Prof Paul Pace u l-President tan-Nature Trust Vince Attard. Tkellimna ftit dwar dak li konna ser nagħmlu matul il-jum. Ftit wara li ġew skejjel oħra, inġbarna lkoll flimkien sabiex nagħtu merħba kif tixraq lill-President. Wara li tkellmu xi delegati tal-Eko Skola, kien imiss lilna t-tfal li nsemmgħu l-vuċi tagħna. Qrajna d-dikjarazzjoni li għamilna aħna stess fejn tajna diversi opinjonijiet dwar diversi temi fosthom l-ambjent, il-faqar u l-edukazzjoni. Mill-iskola tagħna Elias Cascino Bezzina qara l-parti dwar l-ambjent u tgħidx kemm qara sew!

Hekk kif lestejna mill-qari tagħna, il-President għamlet id-diskors tal-għeluq tagħha u kixfet plakka tal-okkażżjoni wkoll. Dezan Azzopardi ġietu l-opportunità li jakkompanja lill-President sabiex tinkixef il-plakka. Wara bdejna nħawwlu s-siġar. Ħawwilna 53 siġra li kienu jirrapreżżentaw il-53 pajjiż li jiffurmaw parti miċ-CHOGM. Waħħalna wkoll il-bandiera ta’ kull pajjiż ma’ kull siġra u tgħidx kemm ħadna gost inħawwlu.

Spiċċajna l-ġurnata billi ħadna brejk u ġrejna ġirja qalb il-kampanja ta’ Xrobb l-Għaġin. Tgħidx kemm ħadna gost!

Miktuba mill-membri kollha tal-Eko Skola flimkien mal-għalliema

http://www.timesofmalta.com/articles/view/20151227/environment/Planting-of-53-tamarisk-trees.596954