Ġurnata l-Manikata

Waslet il-ġurnata tat-12 ta’ Mejju fejn it-tfal kollha tal-Kinder marru jżuru lil Veronica u lill-kelb tagħha Bo, fir-Razzett tal-Qasam ġewwa l-Manikata.

Kif wasalna hemm, laqgħuna Veronica, Roseanne u Bo, u flimkien bdejna nosservaw il-kuluri tal-ammont kbir ta’ fjuri li kien hemm mal-ġenb tat-triq aħna u mexjin lejn ir-razzett. Dħalna u morna nitimgħu l-ħamiem li ġew madwarna hekk kif raw it-tfal jitfgħulhom il-qamħirrun. Wara bqajna sejrin nitimgħu t-tiġieġ, il-papri u l-mogħoż. Rajna wkoll fejn ibidu l-bajd it-tiġieġ u rajna wkoll bajd tal-papri.

Tlajna aktar il-fuq u rajna lil Ġorġ, il-ħmar, u tmajnieh … u tliet nagħġiet…Snow White, Lilly u Buttuna, li ħallewna nidħlu ħdejhom u narawhom aktar mill-qrib.

Veronika ħaditna wkoll naraw kif jikber il-frawli. Fil-pjanti kien hemm il-fjuri kif ukoll frawli aħdar għadu żgħir u xi frawli ieħor aħmar lest biex jinqata’.

Wara li ħsilna jdejna, morna ġo għalqa oħra mimlija siġar li taħthom kien hemm imwejjed u bankijiet  tal-injam, fejn hemmhekk kulħadd sab post u Veronica qassmitilna l-ilma, il-ħobz bil-kunserva u bettieħ frisk maqtugħ mill-għelieqi tal-lokal.  Kif kiel kulħadd morna ġo għalqa oħra nilagħbu qalb is-siġar u l-fjuri.

It-tfal ħadu gost ħafna għax għalihom kienet esperjenza unika li jmorru fil-kampanja  u jmissu b’idejhom stess in-natura u l-annimali.

Kitba ta’ Ms Audrey Chetcuti
Għalliema tal-Kinder

0 Response to “Ġurnata l-Manikata”


  • No Comments

Leave a Reply