Daily Archive for October 13th, 2016

Laqgħa Għall-Ġenituri Dwar is-Suġġett tal-Matematika

Bħala parti mill-pjanijiet tal-iskola għal din is-sena skolastika hemm enfasi partikolari fuq is-suġġett tal-matematika u l-ħtieġa li nassimilaw dan is-suġġett fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.  B’hekk il-matematika ma tibqax suġġett li donnu jbeżża’ lit-tfal u lill-ġenituri.

B’dan il-għan f’moħħna organizzajna tlett laqgħat għall-ġenituri li matulhom il-Maths Support Teacher, Ms. Miriam Chetcuti, iltaqgħet mal-ġenituri u wriethom diversi metodi kif, b’affarijiet sempliċi u li dejjem insibu madwarna nistgħu nispjegaw kunċetti matematiċi lit-tfal tagħna.  Il-ġenituri mhux biss qagħdu bilqegħda jisimgħu iżda din id-darba wkoll meddew idejhom f’diversi attivitajiet sabiex raw b’għajnejhom li bi ftit ħsieb dan is-suġġett jista’ jinbidel f’attivita’ sabieħa u divertenti li minnha jitgħallem kulħadd.

Numru tajjeb ta’ ġenituri ġew għal dawn il-laqgħat u żgur li minnhom ħadu idea differenti dwar dan is-suġġett hekk importanti għal ħajjitna.  Prosit lil kull minn attenda u prosit ukoll lil Ms. Miriam Chetcuti.

xxxxx