Novembru wasal ukoll!

Novembru huwa meqjus bħala x-xahar tal-erwieħ tal-purgatorju u matulu niftakru b’mod speċjali f’dawk qrabatna u ħbiebna li llum m’għadhomx magħna.  Dan ix-xahar, li fih 30 ġurnata, jibda bil-festa tal-Qaddisin Kollha u l-għada tkun il-festa tal-Erwieħ tal-Purgatorju – aħna nemmnu li dawn jinsabu fi triqthom lejn il-Ġenna sabiex isiru qaddisin ukoll.

Issa l-ħarifa daħlet sewwa u iktar ikollna dlam milli dawl!  Jidlam kmieni ħafna u kulħadd ikun jixtieq li joqgħod aktar ġewwa milli barra.  Ġieli jkollna ġranet sbieħ ukoll – dawn insejħulhom is-Sajf ta’ San Martin, li jkollu l-festa tiegħu matul dan ix-xahar, eżattament fil-11 ta’ Novembru.  Dak inhar hija drawwa qadima li lit-tfal jagħtuhom il-borża tad-drapp b’xi frotta u xi ftit ħelu jew lewż.  Taqbila ħelwa marbuta ma’ din il-festa hija din:

“Ġewż, lewż, qastan, tin;

Kemm inħobb lil San Martin!”

Lejn l-aħħar tax-xahar ikollna l-festa ta’ Kristu Re li tfakkarna li jkun wasal biex jibda l-Avvent!  Imbagħad fit-30 ta’ Novembru ssir il-festa ta’ Sant’Andrija, li kien wieħed mill-Appostli ta’ Ġesu’.

San Martin Sant’ Andrija

0 Response to “Novembru wasal ukoll!”


  • No Comments

Leave a Reply