U fl-aħħar Diċembru!

U s-sena tgerbet u waslet fi tmiemha!  Kemm jgħaddi ż-żmien hux u ma joqgħod jistenna lil ħadd!  Wasal Diċembru, l-aħħar xahar tas-sena u li fih 31 jum.  Huwa xahar mimli festi sbieħ u li fihom inħossu li għandna għaliex niċċelebraw u nkunu ferħanin.  Insemmi l-festa ta’ San Nikola fis-6 ta’ Diċembru, l-Immakulata Kunċizzjoni fit-8 ta’ Diċembru, Jum ir-Repubblika fit-13, il-Milied fil-25 u l-aħħar tas-sena fil-31.  Kollha huma sbieħ u għandhom tifsira speċjali iżda li żgur li l-aktar waħda li għandkom għal qalbkom hija l-festa tal-Milied, li tfakkarna f’meta l-Iben t’Alla twieled fostna bħala tarbija fl-għar fqajjar ta’ Betlem!  Huwa veru li fi żmien il-Milied nifirħu b’ħafna affarijiet oħrajn; bħal festini, tiżjin u kant, rigali, ħafna ikel u xorb u ħafna affarijiet oħrajn; imma l-ġrajja tat-twelid ta’ Ġesu’ hija żgur l-aktar ħaġa importanti!

Matul dan ix-xahar tintemm il-ħarifa u tibda x-xitwa: żmien ta’ bard u ksieħ, xita u maltemp!  Noqogħdu ħafna ġewwa, ħdejn xi heater u nilbsu ħafna ħwejjeġ ħoxnin u sħan, bħal xi ġakketta ħoxna, xi kowt u b’xi muffler m’għonqna biex ma nħossux kesħa!

Imbagħad fil-lejl bejn il-31 ta’ Diċembru u l-1 ta’ Jannar insellmu lis-sena li tkun spiċċat u nħarsu b’tama ġdida lejn is-sena li tkun qed titwieled.

San Nikola Il-Kunċizzjoni

0 Response to “U fl-aħħar Diċembru!”


Comments are currently closed.