Monthly Archive for April, 2018

Ir-Raba’ Xahar – April

April huwa r-raba’ xahar tas-sena u jkun fih 30 ġurnata.  Issa r-rebbiegħa hija fl-aqwa tagħha.  Is-siġar huma ħodor u l-ġonna mimlijin bil-fjuri.  Xi ġmiel hux meta tara l-fjuri sbieħ bin-naħal jew xi farfett jittajjar fuqhom!  Huwa żmien ta’ meta n-natura terġa’ tqum mill-ġdid! Jekk tagħmel xi ftit xita f’April tgħidx kemm jieħdu gost biha l-bdiewa. Fil-fatt hemm għidut li jgħid:

“Xita ħruġ Marzu, dħul April

Tiswa’ daqs karru deheb fin!”

Matul ix-xahar ta’ April nibdew naqilbu, bil-mod il-mod, mill-ħwejjeġ tqal u ħoxnin għal oħrajn aktar ħfief u friski.

F’April ikollna l-festa ta’ barra tal-qaddis padrun tal-Floriana, San Publiju.  Publiju kien dak li laqa’ għandu lil San Pawl meta kien fi triqtu lejn Ruma.  Jingħad li qabel ma telaq minn Malta, Pawlu għażel lil Publiju bħala l-ewwel isqof ta’ pajjiżna.  Fil-festa tiegħu għandna niftakru f’kemm kellu qalbu tajba u għandna nagħmlu minn kollox biex inkunu bħalu.