Wasal Ġunju u miegħu jġib in-nofstanhari u l-bidu tal-istaġun tas-sajf. Issa bdiet is-sħana, ħafna sigħat ta’ dawl u aktar ħajja u attivitajiet li jsiru barra. Waslu wkoll l-eżamijiet annwali li fihom irridu nuru li matul is-sena skolastika aħna tgħallimna ħafna affarijiet sbieħ li jiswew għall-ħajja. Iż-żmien itir u ma jistenna lil ħadd u wasalna fl-aħħar xahar tas-sena skolastika. Dan huwa xahar li miegħu jġib bosta festi u ċelebrazzjonijiet sbieħ. Fl-iskola jkollna l-Ewwel Tqarbina tat-tfal li jkunu għamlu l-Preċett fil-Parroċċi tagħhom. Kemm ikunu sbieħ kollha lebsin bl-abjad sabiex juru l-indafa tal-qlub tagħhom hekk kif jirċievu l-Ewkaristija għall-ewwel darba fl-iskola!
Ikollna wkoll festi bħal dik tal-Qalb ta’ Ġesu’ u ta’ San Pietru u San Pawl – popolarment magħrufa bħala l-Imnarja. Ikollna wkoll il-festa nazzjonali tas-Sette Giugno fis-7 ta’ Ġunju. Matul dan ix-xahar jiġi wkoll Jum il-Missier. Fl-aħħar tax-xahar nsellmu lill-iskola u nibdew bil-vaganzi tas-sajf – żmien ta’ sħana kbira, għawm, ilbies ħafif u ikel li jfakkarna fl-istaġun sajfi: bħal xi ġelat tajjeb jew xi felli dulliegħa friska!